Skip to main content

Kif taħdem

Din il-paġna fiha informazzjoni dwar aspetti partikolari ta’ medjazzjoni transfruntiera relatata mal-familja.

Perjodi ta' żmien

Għalkemm il-medjazzjoni tista’ tinbeda fi kwalunkwe ħin, huwa rrakkomandat li l-medjazzjoni tinbeda malajr kemm jista’ jkun, preferibbilment qabel ma jinbeda kwalunkwe proċess ġudizzjarju.

Meta titqies l-effettività tar-rikors għall-medjazzjoni bħala sistema preventiva biex jiġu solvuti l-problemi li jirriżultaw mill-bidla transfruntiera tar-residenza tat-tfal, jenħtieġ li l-medjazzjoni tkun rakkomandata ħafna fil-kunflitti transfruntiera kollha tal-familja u b’mod partikolari fit-tilwim internazzjonali dwar ir-rilokazzjoni tat-tfal. Madankollu, peress illi l-medjazzjoni mhijiex adattata għal kull każ ta’ ħtif, tkun prattika tajba illi tiġi introdotta intervista ta’ skrinjar fil-proċedura. L-intervista tista’ tgħin biex jitnaqqas it-tħassib tal-ġenituri u biex ikomplu jsaħħu l-fehma tagħhom dwar il-medjazzjoni.

Il-medjazzjoni qatt ma għandha sservi bħala skuża għal parti minnhom biex tipposponi r-riżoluzzjoni tal-kunflitt. Dan huwa importanti partikolarment f’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri fejn iż-żmien huwa kruċjali.

Il-medjaturi jridu jinfurmaw lill-partijiet dwar dan b’mod ċar matul il-fażi ta’ informazzjoni jew fil-bidu tal-medjazzjoni.

Wara r-rilokazzjoni ta’ minuri maħtuf fil-pajjiż tar-residenza abitwali tiegħu, il-medjazzjoni għandha tiġi kkunsidrata wkoll sabiex tiġi evitata aktar litigazzjoni.

Kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet amministrattivi/ġudizzjarji

F’każijiet ta’ ħtif ta’ minuri fejn jiġu involuti l-awtoritajiet ċentrali u/jew l-awtoritajiet ġudizzjarji, il-medjatur irid jispjega lill-partijiet l-effetti tal-medjazzjoni fil-qafas tal-proċedura li għaddejja.

F’xi pajjiżi, l-awtoritajiet ċentrali ħarrġu medjaturi interni.

F’din il-paġna ssib lista tal-awtoritajiet ċentrali.

L-eżekuzzjoni tal-ftehim fil-ġuriżdizzjonijiet kollha konċernati (aċċess għall-informazzjoni legali rilevanti)

Sabiex ikun effettiv, il-ftehim medjat irid ikollu effetti legali u jkun eżegwibbli fil-ġuriżdizzjonijiet rilevanti kollha.

L-aċċess għall-informazzjoni dwar il-proċeduri rilevanti fil-ġuriżdizzjonijiet konċernati jista’ jiġi ffaċilitat mill-awtoritajiet ċentrali jew mill-punti ta’ kuntatt ċentrali għall-medjazzjoni internazzjonali għall-familja.

Aktar informazzjoni dwar l-eżegwibilità fl-Istati Membri tista’ tinkiseb fil-paġna Medjazzjoni fil-pajjiżi tal-UE.

Id-diffikultajiet tal-lingwa u l-mezzi moderni tal-komunikazzjoni

B’mod ġenerali, il-preżenza fiżika tal-partijiet matul il-medjazzjoni hija importanti. F’dan ir-rigward, għandhom jittieħdu miżuri xierqa biex jiffaċilitaw il-forniment ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar meħtieġa bħal viża, minn pajjiżi fejn għandha sseħħ il-medjazzjoni.

Fejn xieraq u possibbli, għandha tintuża l-komedjazzjoni binazzjonali.

Huwa vantaġġ importanti illi l-medjatur ikun jitkellem il-lingwi taż-żewġ partijiet, jew tal-inqas il-lingwa komuni (jekk il-koppja għandha lingwa komuni). F’każijiet ta’ komedjazzjoni bikulturali, jista’ jkun biżżejjed li medjatur jitkellem il-lingwa ta’ parti waħda u jifhem lill-oħra jekk ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni oħra. Il-partijiet iridu jkunu kapaċi jifhmu t-termini legali kollha. L-għan li jinstab medjatur li jitkellem il-lingwa tal-partijiet mhuwiex biss dak li jnaqqas l-ispejjeż ladarba l-interpretazzjoni mhijiex meħtieġa. Hemm ukoll l-aspett psikoloġiku u l-bżonn illi l-partijiet jifhmu dwar xiex ikunu qiegħdin jaqblu.

Il-medjatur għandu juri sensittività lejn l-isfond kulturali tal-partijiet u għandu jkun konxju tad-diversità kulturali.

L-introduzzjoni tal-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni (telefown, vidjokonferenzi (online), webcams, eċċ) tgħin fit-tnaqqis tal-ispejjeż u l-organizzazzjoni tal-medjazzjoni jekk il-partijiet ma jistgħux jattendu personalment. Dawn l-istrumenti tekniċi għandhom ikunu disponibbli f’kull Stat Membru u għandha tiġi ttestjata l-medjazzjoni “mill-bogħod”.

Għandu jkun hemm software sikur u interatttiv għall-medjazzjoni biex jappoġġa fil-medjazzjoni.

Barra minn hekk, tkun xi tkun il-lingwa użata fil-medjazzjoni, huwa importanti illi kull min ikun involut jifhem il-lingwa u t-terminoloġija li jintużaw mill-medjatur(i).

Ir-rabta bejn il-medjazzjoni u l-proċedimenti relatati mat-tfal

Hemm diversi strumenti internazzjonali li jippromwovu l-kisba ta’ soluzzjoni bonarja:

Regolament Brussell IIa: l-artikolu 46 (mekkaniżmu li jagħti effett lill-ftehim medjat?)

- Regolament Brussell IIb: l-Artikolu 25 (iħeġġeġ lill-qrati li għandhom każijiet ta’ ħtif mill-ġenituri jistiednu lill-partijiet sabiex jikkunsidraw medjazzjoni jew soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, sakemm ma tkunx f’kunflitt mal-aħjar interessi tal-minuri, ma tkunx xierqa, jew tikkawża dewmien), l-Artikolu 79(3) (jobbliga lill-Awtoritajiet Ċentrali biex jiffaċilitaw il-ftehim bejn id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri permezz tal-medjazzjoni jew mezzi oħra ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, u b’dan tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transfruntiera), il-premessa 43 (il-medjazzjoni jaf mhux dejjem tkun xierqa, speċjalment f’każijiet ta’ vjolenza domestika).

- Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980: l-Artikolu 7c) (miżuri xierqa mill-Awtorità Ċentrali biex jiġi assigurat ir-ritorn volontarju tat-tfal jew biex tinstab soluzzjoni bonarja), l-Artikolu 10 (miżuri xierqa sabiex jinkiseb ir-ritorn volontarju tat-tfal) l-Artikolu 16 (l-ebda deċiżjoni fuq il-mertu tad-drittijiet ta’ kustodja fl-Istat rikjest).

- Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996: l-Artikolu 31 (passi xierqa mill-Awtorità Ċentrali biex tiġi ffaċilitata s-soluzzjoni miftiehma permezz tal-medjazzjoni), l-Artikolu 23 u 26 (ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni), l-Artikolu 16 (il-liġi applikabbli = il-liġi tal-istat tar-residenza abitwali tal-minuri), l-Artikolu 7 (il-ġuriżdizzjoni tal-Istat tar-residenza abitwali tal-minuri immedjatament qabel il-ħtif iżżomm il-ġuriżdizzjoni biex tieħu miżuri għall-protezzjoni tal-minuri), l-Artikolu 24 (“rikonoxximent bil-quddiem”).

- Regolament dwar il-Manteniment: l-Artikolu 51(2)(d) (passi xierqa mill-Awtorità Ċentrali biex tħeġġeġ soluzzjonijiet bonarji bil-ħsieb li jinkiseb ħlas volontarju ta’ manteniment, fejn xieraq bl-użu ta’ medjazzjoni, konċiljazzjoni jew proċessi simili). Ara wkoll il-formolarju standard mhux obbligatorju dwar is-soluzzjonijiet bonarji li ġie żviluppat għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu.

- Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-2007: l-Artikoli 19 sa 31 (id-deċiżjoni tinkludi wkoll soluzzjoni jew ftehim)

Impatt tal-proċedimenti kriminali

Għandhom jitqiesu l-proċedimenti kriminali. Il-korpi ġudizzjarji u amministrattivi bħall-awtoritajiet ċentrali jenħtieġ li jkunu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni ġenerali meħtieġa dwar il-liġijiet rilevanti li jirregolaw il-bidu u t-tmiem tal-proċedimenti kriminali lill-partijiet.

Informazzjoni dwar l-awtorità ċentrali / il-punt ta’ kuntatt ċentrali għall-medjazzjoni internazzjonali għall-familja.

Irrapporta problema teknika/tal-kontenut jew agħti feedback dwar din il-paġna